Il-Fortijiet u l-Kastelli tal-Ghana nbnew l-iktar matul il-perjodu kolonjali, meta l-Ghana kienet magħrufa bħala l-Kosta tad-Deheb, bejn wieħed u ieħor matul is-sekli 15 sa 19. Inbnew bosta fortijiet u kastelli kostali bi stil Ewropew, l-iktar mill-Portugiżi, mill-Olandiżi u mill-Brittaniċi. Dawn il-fortijiet kienu jikkollegaw ir-rotot kummerċjali stabbiliti mill-Portugiżi u kienu jservu bħala postijiet għal swieq importanti għall-kummerċ tad-deheb u tal-iskjavi.
Minħabba x-xhieda tagħhom fir-rigward tal-kummerċ prekolonjali u kolonjali Afrikan-Ewropew, inkluż il-kummerċ tal-iskjavi fl-Oċean Atlantiku, u l-effett kbir tagħhom fuq l-istorja tal-Punent tal-Afrika, għadd minn dawn il-fortifikazzjonijiet tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]
It-titlu uffiċjali tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa Fortijiet u Kastelli, ir-Reġjuni tal-Volta, ta' Accra, Ċentrali u tal-Punent. Dan is-sit ġie ddeżinjat fl-1979.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]