Giuseppe Calì (twieled il-Belt Valletta fl-14 ta' Awwissu 1846 - miet fil-Belt Valletta fl-1 ta' Marzu 1930) kien pittur Malti ta' nisel Naplitan ta' bejn is-sekli 19 u 20, li pitter ħafna pitturi reliġjużi fil-knejjes ta' Malta u Għawdex.
Giuseppe kien iben Raffaele, xenografu fit-Teatru Rjal[1], u Giovanna Padiglione li kienet mezzosopran.[2] Il-ġenituri tiegħu kienu t-tnejn Naplitani. Ġie mgħammed fil-Knisja ta' Portu Salvu l-Belt Valletta. Fost familtu kien hemm ukoll żewġ artisti li setgħu wasslu sabiex Calì jrawwem fih imħabba lejn l-arti. Fl-1871 iżżewweġ lil Perennia Pace, mill-Isla, u kellu għaxart itfal, fosthom Ramiro Calì li kien ukoll pittur.
Sa minn età żgħira, Calì kien wera potenzjal u talent kbir. Ta' sbatax-il sena mar jistudja l-arti taħt in-NeoklassikuGiuseppe Mancinelli fl-Accademia delle Belle Arti f'Napli.
L-akbar xogħlijiet tiegħu li għadhom meqjusa bħala fost l-aqwa kapulavuri tiegħu huma Il-Mewt ta' Dragut (1867) fil-Mużew tal-Arti[3], il-Belt Valletta, u dik ta' San Ġlormu (1881) li tinstab fil-Knisja tas-Sacro Cuor f'Tas-Sliema.[4]
Calì kien għamel impatt immedjat fuq is-soċjetà Maltija ta' dak iż-żmien u ismu kien sar magħruf sew. Kien magħruf għat-tpittir tar-ritratti. Beda jaħdem fuq ħafna xogħol kummissjonat għal tiżjin ta' djar privati, veduti, kif ukoll ritratti ta' suġġetti Maltin. L-ewwel xogħol b'tema reliġjuża ta' Calì kienet il-pittura intitolata Il-Verġni tar-Rużarju li kienet maħduma għall-knisja parrokjali tal-Mosta. Numru kbir ta' knejjes f'Malta jagħtu xhieda tas-sengħa u l-versatilità ta' dan il-pittur prolifiku. Kien ukoll il-fundatur tal-iskola moderna tal-arti Maltija.[5][6]
Il-kapaċità u l-virtwożitá ta' Calì jidhru sew fil-pittura titulari ta' San Duminku għall-knisja parrokjali tal-Belt Valletta ddedikata lill-Madonna ta' Porto Salvo, Il-Profeti; fil-knisja tal-Mosta, ir-ritratti tan-negozjant Agostino Cassar Torregini u l-maġistrat Carbone; It-Tre Rome u Natività fil-parroċċa ta' Ħal Luqa. L-Apoteosi ta' San Franġisk fil-knisja ta' San Franġisk fil-Belt Valletta hija ukoll xhieda tal-virtwożità kbira ta' dan il-pittur. Hemm għajdut li kien magħruf bħala "ix-xitan tal-pinzell", għall-ħeffa u l-kilba li kellu għax-xogħol. Barra li kien pittur, kien ukoll skultur, minjaturista u kif ukoll ritrattista.[7]
Giuseppe Calì miet il-Belt Valletta fl-1 ta' Marzu 1930, fl-eta ta' 84 sena. Huwa ġie kommemorat mir-Repubblika ta' Malta b'sett ta' erba' bolol fl-1996, u b'munita fl-2004.
Fiorentino, Emmanuel; Grasso, Louis A. (1991). Giuseppe Calì: 1846-1930 (bl-Ingliż). Said International. ISBN978-1871684858.
Dominic Cutajar, "The 19th Cent. Realism of Giuseppe Calì (1846-1930) - an artistic sway that lasted 50 years", in: Giuseppe Calì, edit. Edwin A. Camilleri, Malta, 1991.
E. Fiorentino, "Maltese art astride two centuries (1860-1921)" in V. Malta Milanes 9ed., The British Colonial Experience 1800-1964, pub, Mireva Publications, Malta, 1988, pp. 263-265.
R. Bonnici Calì, Giuseppe Calì Centenary Exhibition 1846-1946, Malta, 1946, p. 18.
P. Ilario Dimech OFM, Le Pitture di Giuseppe Calì nelle Chiese dei Frati Minori Conventuali a Malta, Malta, 1940, pp. 27-30.