Godfrey Farrugia | |||||
---|---|---|---|---|---|
![]() | |||||
21 Ġunju 2017 - District: District 7 (en) ![]() Election: Elezzjonijiet Ġenerali 2017
| |||||
Ħajja | |||||
Twelid | Ħaż-Żebbuġ, 4 Mejju 1960 (64 sena) | ||||
Nazzjonalità | Malta | ||||
Edukazzjoni | |||||
Alma mater | Kulleġġ ta' San Alwiġi | ||||
Okkupazzjoni | |||||
Okkupazzjoni |
politiku tabib |
Godfrey Farrugia (Ħaż-Żebbuġ) huwa tabib, membru tal-Partit Demokratiku u eks Whip tal-Partit Laburista fil-Parlament. Kien Ministru tas-Saħħa minn Marzu 2013 sa Marzu 2014.
Bin David u Rina, huwa twieled, għex u ħadem l-aktar f'Ħaż-Żebbuġ. Il-formazzjoni żagħżugħa tiegħu ħadha kemm fl-iskejjel tal-gvern u kemm f'tal-Ġiżwiti, iżda wkoll mill-għaqdiet tal-volontarjat, b'mod partikolari l-Iscouts, il-Museum u l-każin tal-banda.
Farrugia kien wieħed mill-pijuniera tal-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja. Żewġ ħutu, iżgħar minnu, it-tnejn huma tobba. Kien it-tabib tal-familja tagħhom, Dr. Mario Tua, li rnexxielu jħajjarhom b'għemilu biex ilkoll kemm huma jaqbdu din it-triq. Għal Farrugia, "il-professjoni medika hi xjenza li sservi u teduka, hija vokazzjoni li tagħti lilek inifsek lil ħaddieħor."
Farrugia jgħallem il-prattika lill-istudenti fir-raba' sena tal-kors tal-mediċina u tobba oħra li jixtiequ jispeċjalizzaw f' dan il-qasam.
Farrugia jagħti sehem qawwi fil-festa ta' Ħaż-Żebbuġ. "Il-festi tradizzjonali nqishom bħala vetrina tal-mod kif il-poplu Malti hu msawwar: poplu ferrieħi, devot, bieżel u anki artistiku. Xi drabi tennejt fil-pubbliku li jien prodott tal-festi, u dan ngħidu b'ġieħ. Fuq kollox kien missieri David li ntroduċieni għall-festi ta' Ħaż-Żebbug u għeni nifhem is-sehem bla qies tagħhom fil-ħajja komunitarja."
Huwa President Onorarju ta' żewġ soċjetajiet bandistiċi, u President tal-Għaqda Nazzjonali tal-Armar tal-Festi fit-Toroq, li kien fundatur taghha, u s-Segretarju tal-Għaqda Piroteknika Maltija.
Daħal fil-Politika fl-1993 meta sar l-ewwel Sindku indipendenti ta' Ħaż-Żebbuġ. Dam f'din il-kariga sas-sena 2000.
Is-sieħba tiegħu, id-dentista Marlene Farrugia, kienet membru parlamentari mal-Partit Laburista sa mill-2008. Il-Mexxej tal-Partit Joseph Muscat ikkonvinċa lil Godfrey Farrugia biex hu wkoll jikkontesta mal-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2013. Wara li ġie elett ful is-seba' distrett, Farrugia nħatar Ministru tas-Saħħa.[1] Huwa rriżenja mill-kariga ta' Ministru tas-Saħħa f'24 ta' Marzu 2014.[2] F'Jannar 2015 huwa nħatar Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista.[3]
Fid-29 ta' April 2017, it-tabib Godfrey Farrugia rriżenja mill-kariga ta' Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista.[4] Fl-ittra pubblika indirizzata lill-Prim Ministru Joseph Muscat, huwa offra ir-riżenja tiegħu, u stqarr li l-fiduċja tal-poplu Malti fil-Partit Laburista ġiet "ttraduta u użata biex tiġi imbuttata l-aġenda tal-ftit, li jidher ċar li m'għandhomx l-Interess Nazzjonali f'qalbhom u wisq inqas f' moħħhom."[5] Ftit jiem wara, Farrugia irriżenja wkoll mill-Partit Laburista u sar membru tal-Partit Demokratiku.
Fit-3 ta' Ġunju 2017, huwa kkontesta l-Elezzjoni Ġenerali bħala kandidat tal-Partit Demokratiku, imwaqqaf mis-sieħba tiegħu Marlene Farrugia, fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista, u kien elett f'elezzjoni każwali.
![]() |
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Godfrey Farrugia (Godfrey Farrugia) |