Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti twaqqaf f’April tal-2005 bl-approvazzjoni tal-Att dwar l-Ilsien Malti (Kap. 470) fil-Parlament Malti. Ix-xogħol tiegħu huwa li jirregola kliem ġdid li jidħol fil-Malti u jippromwovi l-istandard tal-ilsien Malti fl-edukazzjoni u setturi ġodda oħra. Il-Kunsill jikkonsisti f’ħames kumitati li huma: il-Midja, l-Edukazzjoni, ir-Riċerka Lingwistika, it-Traduzzjonijiet u t-Terminoloġija u l-iżvilupp tal-Malti fis-Settur tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija. L-għan tal-Kunsill huwa l-ippjanar lingwistiku u l-promozzjoni tal-lingwa Maltija, u b’hekk itejibha billi jimmodernizza l-istrutturi tagħha.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti huwa membru tal-EFNIL (Federazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tal-Lingwa) fl-UE .