Norman Morrison

Norman Morrison
Ħajja
Twelid Erie (en) Translate, 29 Diċembru 1933
Nazzjonalità Stati Uniti tal-Amerka
Mewt The Pentagon (en) Translate, 2 Novembru 1965
Kawża tal-mewt suwiċidju (self-immolation (en) Translate)
Edukazzjoni
Alma mater College of Wooster (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni attivist tal-paċi

Norman Morrison (twieled fid-29 ta' Diċembru 1933 – miet fit-2 ta' Novembru 1965) kien Quaker (denominazzjoni ta' Kristjani Protestanti) ta' Baltimore li baqa' magħruf l-iktar talli ta n-nar lilu nnifsu meta kellu 31 sena, sabiex jipprotesta kontra l-involviment tal-Istati Uniti fil-Gwerra tal-Vjetnam. Morrison twieled f'Pennsylvania u ggradwa mill-Kulleġġ ta' Wooster fl-1956. Huwa kien miżżewweġ u kellu żewġt ibniet u iben.[1] Fit-2 ta' Novembru 1965, Morrison xarrab lilu nnifsu bil-pitrolju u ta n-nar lilu nnifsu quddiem l-uffiċċju tas-Segretarju tad-Difiża Robert McNamara fil-Pentagon.[2] Jaf iddeċieda jagħmel dan l-att wara li Thích Quảng Đức u patrijiet Buddisti oħra taw in-nar lilhom infushom u mietu bħala protesta kontra r-repressjoni tal-gvern tan-Nofsinhar tal-Vjetnam immexxi mill-President Kattoliku Ngo Dinh Diem.[3]

Morrison ħa lil bintu Emily, li dak iż-żmien kellha sena, quddiem il-Pentagon, u jew poġġiha mal-art jew inkella taha lil xi ħadd fil-folla qabel ta n-nar lilu nnifsu. Ir-raġuni għalfejn Morrison ħa lil Emily miegħu mhumiex magħrufa. Madankollu, il-mara ta' Morrison, Anne Welsh, iktar 'il quddiem stqarret, "Ma nafx ħasibiex hekk jew le, imma naħseb li l-fatt li kellu lil Emily miegħu kienet ta' wens finali kbir għal Norman... hija kienet simbolu b'saħħtu tat-tfal li konna qed noqtlu bil-bombi u bin-napalm tagħna--li ma kellhomx ġenituri biex iħaddnuhom".[4]

F'ittra li bagħat lil Welsh bil-posta, Morrison assiguraha bil-fidi li kellu fl-att li wettaq u qalilha "Kun af li nħobbok ... iżda rrid immur ngħin lit-tfal tal-villaġġ tal-qassis". McNamara ddeskriva l-mewt ta' Morrison bħala "traġedja mhux biss għall-familha tiegħu iżda anke għalih u għall-pajjiż. Kienet karba kontra l-qtil li kien qed jeqred il-ħajjiet ta' tant żgħażagħ mill-Vjetnam u mill-Istati Uniti". Morrison ħalla warajh lil martu Anne Welsh u tlett itfal, Ben (li miet bil-kanċer fl-1977), Christina u Emily.[5]

Morrison kien meqjus bħala devot u sinċier fis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu għal kawża akbar minnu. Fil-Vjetnam, Morrison malajr sar eroj tal-poplu għal uħud, u ismu ġie kkonvertit għal Mo Ri Xon. Ħamest ijiem wara li Morrison miet, il-poeta mill-Vjetnam Tố Hữu kiteb poeżija, "Emily, Binti", fejn għamilha ta' Morrison jindirizza lil bintu Emily u jispjegalha r-raġunijiet għalfejn għamel dak is-sagrifiċċju.[6]

Ġimgħa wara Morrison, Roger Allen LaPorte wettaq att simili fil-Belt ta' New York, quddiem il-binja tan-Nazzjonijiet Uniti. Fid-9 ta' Mejju 1967, bħala parti mill-bidu tal-protesta tal-1967 fil-Pentagon, id-dimostranti għamlu fjakkolata għal Morrison, qabel ma okkupaw il-Pentagon għal erbat ijiem sakemm tneħħew u ġew arrestati. L-armla ta' Morrison, Anne, u żewġt ibniet tal-koppja żaru Vjetnam fl-1999, fejn iltaqgħu ma' Tố Hữu, il-poeta li kien kiteb il-poeżija popolari Emily, Binti. Anne Morrison Welsh irrakkontat iż-żjara tagħha u t-traġedja tar-raġel tagħha fil-monografu Fire of the Heart: Norman Morrison's Legacy In Vietnam And At Home (Nar tal-Qalb: Il-Legat ta' Norman Morrison fil-Vjetnam u f'Pajjiżu).[7]

Matul iż-żjara tiegħu fl-Istati Uniti fl-2007, il-President tal-Vjetnam Nguyễn Minh Triết żar sit f'Potomac ħdejn il-post fejn Morrison kien ta n-nar lilu nnifsu u qara l-poeżija ta' Tố Hữu biex ifakkar lil Morrison.[8]

Il-produttur tal-films Errol Morris intervista lis-Segretarju tad-Difiża McNamara fit-tul fil-film dokumentarju tiegħu, The Fog of War (Iċ-Ċpar tal-Gwerra), fejn McNamara jgħid, "[Morrison] ġie quddiem il-Pentagon, u xeħet il-pitrolju fuqu nnifsu. Ta n-nar lilu nnifsu quddiem l-uffiċċju tiegħi ... martu għamlet stqarrija li tassew tmiss il-qlub - "il-bnedmin iridu jieqfu joqtlu lil bnedmin oħra" - u dak huwa twemmin li jien nikkondividi, kont nikkondividih dak iż-żmien, u nemmen fih iktar u iktar bil-qawwa llum". McNamara jissokta jgħid, "Kemm irridu nwettqu ħażen biex nagħmlu it-tajjeb? Għandna ċerti ideali, ċerti responsabbiltajiet. Trid tirrikonoxxi li xi drabi trid twettaq il-ħażen, iżda jeħtieġ li dan jiġi mminimizzat."

X'aktarx li l-iktar rakkont dettaljat tal-mewt ta' Morrison jidher f'The Living and the Dead: Robert McNamara and Five Lives of a Lost War, tal-awtur u rebbieħ ta' diversi premjijiet Paul Hendrickson, li ġie ppubblikat fl-1997.[9]

Anne Welsh tidher, flimkien mat-tfal żgħar tagħha, f'segment tad-dokumentarju Franċiż, Far from Vietnam ('Il bogħod mill-Vjetnam), fejn bil-kalma kollha tiddeskrivi ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-mewt tar-raġel tagħha u tesprimi approvazzjoni għall-att li wettaq. Id-dokumentarju fih ukoll intervista ma' espatrijat Vjetnamiża, Ann Uyen, li kienet qed tgħix f'Pariġi, li tiddeskrivi x'kien ifisser is-sagrifiċċju ta' Morrison għall-poplu Vjetnamiż.

Il-mewt ta' Morrison tidher ukoll fil-film ta' HBO, Path to War, fejn Victor Slezak jaħdimha ta' Morrison.

Morrison huwa wkoll is-suġġett ta' poeżija ta' Amy Clampitt imsejħa "The Dahlia Gardens" fil-ktieb tagħha tal-1983, The Kingfisher.

It-traġedja tal-mewt ta' Morrison ispirat il-poeżija ta' George Starbuck, Of Late.[10]

Reċta tad-drammaturgu Kanadiż Seán Devine, Re:Union, timmaġina laqgħa bejn bint Morrison, Emily, u Robert McNamara. Ir-reċta ġiet ippubblikata minn Scirocco Drama fl-2013.

Fil-belt ta' Đà Nẵng fil-Vjetnam, triq issemmiet għal Norman Morrison biex jitfakkar l-att li wettaq kontra l-involviment tal-Istati Uniti fin-Nofsinhar tal-Vjetnam. Triq parallela magħha ssemmiet għal Francis Henry Loseby.

It-Tramuntana tal-Vjetnam semmiet triq fil-belt kapitali ta' Hanoi għalih, u ħarġet bolla postali biex tonorah.[11] Il-pussess tal-bolla kien ipprojbit fl-Istati Uniti minħabba l-embargo tal-Istati Uniti kontra t-Tramuntana tal-Vjetnam.

  1. ^ "Widow of Norman Morrison to Speak at The College of Wooster on Aug. 2…". archive.ph. 2012-12-15. Miġbur 2021-11-02.
  2. ^ "The Pacifists - TIME". web.archive.org. 2008-04-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-04-22. Miġbur 2021-11-02.
  3. ^ Tucker, Spencer C. (2011). Encyclopedia of the Vietnam War, The: A Political, Social, and Military History (2nd ed.). ABC-CLIO. p. 775. ISBN 978-1-85109-960-3.
  4. ^ Hollyday, Joyce (1995-07-01). "Grace Like a Balm". Sojourners (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-02.
  5. ^ Steinbach, Alice. "THE SACRIFICE of NORMAN MORRISON Thirty years ago a Baltimore Quaker set himself on fire to protest the war in Vietnam. Did it make a difference?". baltimoresun.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-02.
  6. ^ Christian G. Appy (2008) Vietnam: the Definitive Oral History Told From All Sides. Ebury Press, p. 155.
  7. ^ "I told them to be brave". the Guardian (bl-Ingliż). 2010-10-15. Miġbur 2021-11-02.
  8. ^ ONLINE, TUOI TRE (2007-07-07). "Đọc thơ Tố Hữu bên bờ sông Potomac". TUOI TRE ONLINE (bil-Vjetnamiż). Miġbur 2021-11-02.
  9. ^ The Washington Post. Washington, D.C., November 4, 1999, p. C14.
  10. ^ Foundation, Poetry (2021-11-02). "Of Late by George Starbuck". Poetry Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-02.
  11. ^ "BBC World Service - Programmes - A life in flames". web.archive.org. 2011-01-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-01-07. Miġbur 2021-11-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)