Peter Serracino Inglott | |||
---|---|---|---|
| |||
Ħajja | |||
Twelid | Valletta, 26 April 1936 | ||
Nazzjonalità | Malta | ||
Mewt | Malta, 16 Marzu 2012 | ||
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (Creutzfeldt-Jakob disease (en) ) | ||
Edukazzjoni | |||
Alma mater |
Università ta' Malta (1951 - 1955) Baċellerat tal-Arti Campion Hall (en) (1955 - 1958) Masters tal-Arti Catholic University of Paris (en) (1958 - 1960) Bachelor of Divinity (en) Università Cattolica del Sacro Cuore (en) (1960 - 1963) PhD fil-filosofija | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
għalliem fl-università saċerdot Kattoliku politiku filosofu | ||
Impjegaturi |
Università ta' Pariġi College of Europe (en) Università ta' Malta | ||
Premjijiet |
List
|
Peter Serracino Inglott (Valletta, 26 t'April, 1936 - 16 ta' Marzu, 2012), magħruf komunament bħala Father Peter, kien saċerdot, filosfu, professur, u eks-Rettur tal-Università ta' Malta. Huwa kien ċentrali fir-rikostruzzjoni tas-sistema edukattiva Maltija wara l-1987.
Bin Oscar u Maria Calamatta, Serracino Inglott kien ordnat qassis f'Milan fl-1962 minn Kardinal Montini li aktar 'il quddiem ġie proklamat Papa Pawlu VI.
Bejn l-1987 u l-1988, u mill-1 ta' Lulju 1991 sa meta rtira fl-1996, hu serva bħala Rettur tal-Università ta' Malta. Hu mexxa t-tibdil kbir u fetaħ l-Universita' għall-kotra.
Fil-kitba tiegħu kien hemm esplorazzjoni sħiħa fil-valutazzjoni artistika tax-xogħol letterarju. Kien hemm fuq kollox proċess filosofiku.
Hu studja f'Malta, Pariġi, u Oxford fejn kien Rhodes Scholar u rebaħ il-Premju tal-Kanċillier għall-Ingliż. Studja fl-Institut Catholique de Paris (BD cum laude 1958-1960) u fl-Università Cattolica del Sacro Cuore (Ph.D. 1960-1963) b'teżi fuq it-Tractatus Logico-Philosophicus ta' Wittgenstein. Għallem il-filosofija f'Malta, Ottawa, Venezja u Milan. Kien membru ta' diversi korpi internazzjonali u ppublika ħafna artikli fuq l-arti u l-kultura Maltija, l-estetika u r-reliġjon, u fuq il-fruntieri bejn il-filosofija u x-xjenzi soċjali.
F'ħajtu kellu diversi pożizzjonijiet għolja. Sena wara li nħatar qassis, jiġifieri fl-1963 kien Librar fl-Universita' ta' Malta u sentejn wara beda jgħallem il-Filosofija. Imbaghad fl-1971 laħaq Professur u Kap tad-Dipartiment tal-Filosofija. Serva wkoll bħala Dekan tal-Fakulta' tal-Arti.
Flimkien ma' Professur Salvino Busuttil fl-1974 waqqaf il-European Documentation Centre fil-Belt Valletta. Kien iċ-Chairman tiegħu meta fl-1992 sar il-European Documentation and Research Centre, fejn ħadem mill-qrib mal-Professur Roderick Pace.
Fl-1978 laħaq Direttur tal-Istitut tal-Filosofija u l-Istudji umani.
Kien ukoll Professur fil-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta' Malta.
Serracino Inglott kien professur tal-estetika fl-Instituto Internazionale di Arte e Liturgia ta' Milan, visiting professor fl-Università ta' Pariġi II (Sorbonne – Pantheon) (1989-1990), UNESCO Fellow fl-Open University, UK (1978) u guest lecturer fl-universitajiet ta' Cincinnati, Milan (Cattolica), Venezja (Ca Foscari), Palermo u l-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges (1989, 1990).
Għal disa' snin bejn l-1987 u l-1996 serva bħala Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Fl-istess snin kien ukoll Konsulent tal-Prim Ministru ta' Malta ta' dak iż-żmien Eddie Fenech Adami. Reġa' serva bħala Konsulent bejn l-1998 u l-2004. Minkejja dan f'mewtu, Joseph Muscat, il-Mexxej tal-Partit Laburista stqarr li "l-Professur Peter Serracino Inglott kien protagonist ewlieni tal-ħajja intellettwali ta' pajjiżna għall-kważi nofs seklu. Għamilna għażliet politiċi differenti minn xulxin iżda ir-rispett u l-istima tagħna lejh bħala bniedem, bħala studjuż, bħala saċerdot, u bħala Malti li ħabb lill-pajjiżu, kienu għoljin ħafna. Minkejja dawn l-għażliet, kien hemm art komuni ta' soċjetà aktar ġusta, aktar tolleranti u aktar miftuħa. F'ismi, f'isem marti Michelle, il-familja tiegħi u l-Partit Laburista nesprimi s-sogħba tagħna għat-telfa ta' dan l-intelletwali ewlieni Malti."
Il-filosofija ta’ Fr Peter dejjem poġġiet lill-bniedem sħiħ fil-qalba ta’ kull azzjoni politika f’dak li hu kien isejjaħ “il-primat tal-bniedem”. Bħala saċerdot u studjuż, dejjem fittex li jlaqqa’ flimkien it-tiftix razzjonali mat-twemmin. Għalih, “l-iskoperta ta’ Alla qiegħda fl-istħarriġ fil-fond, b’mod speċjali tal-ħolqien, u dan jiġi biss mill-istudju”.
Il-kontribut ta’ Fr Peter kien wieħed fl-aqwa sens ta’ dak li hu politiku, jiġifieri l-politika bħala mezz li jittraduċi ħsieb u valuri f’azzjoni prattika favur in-nies u l-familji biex dawn jilħqu l-milja tagħhom.
Fost il-kontributi kbar ta’ Fr Peter hemm l-impenn tiegħu fil-qasam soċjali, edukattiv, kulturali u artistiku. Bħala bniedem li ħabb l-għerf kien iddikjara li jixtieq li “l-Università ssir id-dar tal-poplu kollu” u wara l-1987 dan wettqu meta nebbaħ u mexxa r-riformi edukattivi li rrivoluzzjonaw dan il-qasam u fetħu beraħ il-bibien tal-Università u ta’ istituzzjonijiet edukattivi oħrajn għal kulħadd. Bħala Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija saħaq fuq il-bżonn li Malta tkun fuq quddiem nett fil-qasam tal-iżviluppi teknoloġiċi.
Kontribut ieħor tiegħu kien dwar is-soċjetà tal-wens, li fiha l-bniedem ma jkunx il-klijent tal-Istat iżda jkun il-qalba ta’ sistema sħiħa li tinkludi l-familja, il-privat u l-volontarjat f’soċjetà li tagħti sedqa u dinjità lil kull persuna.
Fr Peter jibqa’ msemmi kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna għall-kontribut li ta fil-qasam soċjali, edukattiv, kuturali u artistiku, iżda fuq kollox jibqa’ mfakkar għall-umiltà tiegħu u għal kemm kien aċċessibli għal kulħadd.
Fl-aħħar ftit xhur ta' ħajtu, hu beda jsoffri mill-marda Creuzfeldt-Jakob.[1] Il-funeral tiegħu sar fit-23 ta' Marzu 2012, wara li tpoġġa għall-qima tal-pubbliku, l-ewwel fuq il-kampus tal-Universita', u aktar tard il-Knisja tal-Ġiżwiti l-Belt. Il-quddiesa presente catavere saret fil-Knisja ta' San Pawl il-Belt stess, wara korteo li telaq mill-Knisja tal-Ġiżwiti.