Il-Wied t'Isfel tal-Awash huwa żona ta' riċerka paleoantropoloġika fit-tarf tal-Majjistral ta' Gabi Rasu fir-Reġjun ta' Afar tul ix-xmara Awash fid-Depressjoni ta' Afar tal-Etjopja. Huwa laboratorju naturali uniku għall-istudju tal-oriġini u tal-evoluzzjoni tal-bniedem u ta' għadd ta' fossili tal-ominidi bikrin, b'mod partikolari tal-Australopithecines, kif ukoll ta' wħud mill-eqdem artefatti magħrufa tal-ġebel tal-kultura Olduwan, li nstabu fis-sit — kollha jmorru lura għall-Mijoċen, għall-Plijoċen u għall-Plejstoċen Bikri, jiġifieri madwar 5.6 miljun sena ilu sa 2.5 miljun sena ilu.[1][2] Huwa maħsub b'mod mifrux li d-diverġenza tan-nisel tal-iżjed ominidi bikrin miċ-chimpanzees tlestiet qrib il-bidu ta' dak il-perjodu ta' żmien, jew xi żmien bejn seba' u ħames miljun sena ilu. Madankollu, il-komunità usa' ta' xjenzati tipprovdi diversi stimi għall-perjodi ta' diverġenza li jimplikaw firxa ikbar ta' żmien għal dan l-avveniment.[3][4]
Sejba reċenti tal-Australopithecus anamensis ġiet datata li tmur lura għal madwar 4.2 miljun sena ilu, u b'hekk hemm distakk ta' 200,000 sena biss minn fossila iktar bikrija tal-Ardipithecus ramidus iktar primittiv (4.4 miljun sena ilu). Il-fossili tal-Australopithecus garhi ġew datati li huma saħansitra reċenti daqs il-bidu tal-Plejstoċen, jew 2.5 miljun sena ilu; il-fossili tal-Homo erectus fil-membru ta' Daka fis-sit (miljun sena ilu) u tal-Homo sapiens idaltu (160,000 sena ilu) ġew datati li jmorru lura għall-Plejstoċen Nofsani u Aħħari. Barra minn hekk, instabu rqajja' tat-tafal moħmi, li wħud iqisu bħala evidenza tal-użu kkontrollat tan-nar, u li jmorru lura għal dak l-istess perjodu iktar reċenti.[5]
Is-sedimenti fis-sit oriġinarjament ġew depożitati fil-lagi jew fix-xmajjar, u l-karbonati li nstabu fis-sit fihom proporzjonijiet baxxi ta' isotopi tal-karbonju. Din l-informazzjoni tissuġġerixxi li l-ambjent tal-Wied t'Isfel tal-Awash kien bl-ilma matul il-Mijoċen Aħħari, u li dan ir-reġjun li attwalment huwa wieħed aridu, dak iż-żmien kien okkupat minn ħabitats bil-boskijiet jew bil-bwar tal-ħaxix u s-siġar. Fost il-fdalijiet ta' fossili ta' vertebrati oħra li nstabu flimkien mal-ominidi, hemm ta' tip partikolari ta' far tal-kannamiela, li jkompli jsostni l-ħsieb ta' tali ambjent. Fir-reġjun seħħ vulkaniżmu perjodiku, li x'aktarx li ħoloq reġjuni ekoloġiċi distinti li kienu abitati minn speċijiet differenti ta' annimali vertebrati.[6]
Fost il-fossili l-iżjed importanti ta' ominidi li nstabu fil-Wied t'Isfel tal-Awash hemm:
Il-Wied t'Isfel tal-Awash ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[7]